L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ġiet imwaqqfa fl-2020 bis-saħħa tal-Avviż Legali 332 tal-istess sena. Din l-Aġenzija ħadet post l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li kien twaqqaf lura f’Ġunju tal-2001. Fl-2002 dan l-Uffiċċju kien beda jaħdem bis-sħiħ u jittratta l-applikazzjonijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali kompletament waħdu.

Illum, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali hija marbuta bl-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951, li huma relatati mal-istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967, kif ukoll l-obbligi ta’ pajjiżna skont il-liġijiet tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva Ewropea 2011/95/UE (Direttiva dwar il-Kwalifiki), id-Direttiva Ewropea 2013/32/UE (Direttiva dwar il-proċeduri tal-Azil), u r-Regolament 604/2013 (ir-Regolament ta’ Dublin).

L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali hija responsabbli biex tirċievi, tipproċessa u tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali f’Malta, hekk kif stipulat fl-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tiegħu 420.07 dwar Standards Proċedurali għall-Għoti u l-Irtirar tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni Internazzjonali. L-Aġenzija hija wkoll responsabbli biex tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata f’Malta skont ir-Regolament ta’ Dublin, u għall-irtirar tal-protezzjoni meta tapplika xi waħda mir-raġunijiet ta’ rtirar stipulati fil-liġi.

L-għan fundamentali tal-Aġenzija huwa li tiżgura proċess ta’ determinazzjoni tal-eliġibbiltà totalment indipendenti, ġust, effiċjenti u rapidu filwaqt li, fl-istess ħin, tiggarantixxi l-aħjar kwalità possibbli fir-rigward tas-smigħ, l-analiżi u d-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali.

Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (2001/55/KE)

FacebookTwitter