Fl-4 ta’ Marzu l-Unjoni Ewropea attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (2001/55/KE).


Min huwa eliġibbli għall-Protezzjoni Temporanja?


Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, wara l-invażjoni mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data:


a) ċittadini Ukraini li joqogħdu fl-Ukraina qabel l-24 ta’ Frar 2022;
b) persuni mingħajr stat, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukraina, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukraina qabel l-24 ta’ Frar 2022; u
ċ) membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).


Il-persuni li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti minn familja, sakemm il-familja kienet diġà preżenti u toqgħod fl-Ukraina qabel l-24 ta’Frar 2022:


1. il-konjuġi ta’ persuna msemmija fil-punt (a) jew (b), jew is-sieħeb mhux miżżewweġ f’relazzjoni stabbli;
2. it-tfal minuri mhux miżżewġin ta’ persuna msemmija fil-punt (a) jew (b), jew tal-konjuġi tagħha, mingħajr distinzjoni dwar jekk twieldux fiż-żwieġ jew barra jew adottati;
3. qraba oħra li għexu flimkien bħala parti mill-familja fiż-żmien taċ-ċirkostanzi tal-influss tal-massa ta’ persuni spostati, u li kienu dipendenti kollha jew prinċipalment minn persuna msemmija fil-punt (a) jew (b) f’dak iż-żmien.


F’Malta, protezzjoni temporanja għandha tingħata wkoll lil persuni mingħajr stat, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Ukraina, li jistgħu jippruvaw li kienu joqogħdu legalment fl-Ukraina qabel l-24 ta’ Frar 2022 fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ skont l-liġi tal-Ukraina, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun tal-oriġini tagħhom.


Huwa importanti li wieħed jinnota li l-oneru li tiġi stabbilita l-eliġibilità għal protezzjoni temporanja skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi/persuni mingħajr stat ikkonċernati. F’każ li l-persuni kkonċernati ma jkunux jistgħu jissottomettu evidenza li jaqgħu taħt il-gruppi fil-mira elenkati hawn fuq, ma jistgħux jingħataw protezzjoni temporanja.


Dan ta’ hawn fuq huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tapplika għall-protezzjoni internazzjonali mal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali.


X’inhuma d-drittijiet tad-detenturi ta’ dan l-istatus?

Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, id-detenturi tal-istatus se jkunu intitolati għal:

• permessi ta’ residenza;
• aċċess għas-suq tax-xogħol u akkomodazzjoni;
• assistenza u għajnuna soċjali;
• kura medika (inkluża, bħala minimu, kura ta’ emerġenza essenzjali u trattament essenzjali ta’ mard); u
• aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal u l-adoloxxenti.


Kemm se ddum il-protezzjoni temporanja?

Detenturi ta’ status ta’ Protezzjoni Temporanja se jinħarġilhom permess sal-4 ta’ Marzu 2024.


Il-protezzjoni temporanja hija ‘awtomatika’?

Le. It-talbiet għal protezzjoni temporanja jridu jiġu sottomessi mal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali (IPA).


Tista’ tingħata protezzjoni temporanja fl-istess ħin mal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali?

Le. Protezzjoni temporanja ma tistax tingħata fl-istess ħin mal-istatus ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali (jiġifieri persuna li tfittex l-ażil).


F’każ li xi ħadd jiddeċiedi li japplika għall-protezzjoni internazzjonali, l-applikazzjoni tiegħu/tagħha tiġi vvalutata skont dan, u tittieħed deċiżjoni mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali (IPA). Huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-proċess ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali huwa indipendenti mill-benefiċċju ta’ protezzjoni temporanja.


N.B: Dan mhuwiex dokument legali u ma jikkostitwixxix parir legali.