Il-Viżjoni tad-Dipartiment

L-għan tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole huwa li jkabbar il-protezzjoni tal-komunità billi jnaqqas ir-reċidiviżmu permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Ġustizzja Riparatriċi u l-użu ta’ sanzjonijiet ibbażati fil-komunità.

Il-Missjoni tad-Dipartiment

Ngħinu biex tkun assigurata l-istabbiltà soċjali billi nikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-kriminalità għal aktar protezzjoni fis-soċjetà u billi nassiguraw ir-riintegrazzjoni tal-ħatjin. Nassiguraw li s-servizzi offruti jindirizzaw il-bżonnijiet tas-sistema tal-Ġustizzja Kriminali b’relazzjoni mal-prinċipji tal-Ġustizzja Riparatriċi.

Ħarsa Storika

L-Att dwar il-Probation inħareġ fl-1957, filwaqt li l-ewwel Ordni ta’ Probation ingħatat f’Awwissu tal-1961.
Minn dakinhar twaqqaf iċ-Ċentru Ħidma Soċjali, fejn id-Direttur tal-istess ċentru kien appuntat Principal Probation Officer. Barra minn hekk, numru ta’ Family Welfare Officers kienu magħżula sabiex jaqdu d-dmirijiet ta’ Uffiċjal tal-Probation. Il-bżonn li jsir ristrutturar fis-Servizzi tal-Probation f’Malta kien ilu jinħass għal snin twal, madanakollu ftit kienu dawk il-miżuri li ttieħdu sabiex din is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

Fl-1993 l-Università ta’ Malta, wara li rċeviet proposti min-naħa tal-Ġudikatura u l-Gvern ta’ Malta, organizzat Post-Qualification Diploma sabiex tħarreġ individwi bħala Uffiċjali tal-Probation. Fl-ewwel kors gradwaw erba’ Uffiċjali tal-Probation.

Fl-1994 ġie mwaqqaf il-Probation Services Action Team (PSAT) li hija organizzazzjoni non-governattiva. Din kienet waħda mill-ewwel serje ta’ miżuri intenzjonati biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ riżorsi speċjalizzati fil-qasam tal-Probation. L-għan ta’ dan it-tim kien li jservi bħala pedament għall-futur tas-Servizzi tal-Probation, li kien strutturat fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. Fil-fatt, kien fl-1996 li grupp ta’ Uffiċjali tal-Probation kwalifikati ġew ingaġġati bħala Ħaddiema Soċjali fi ħdan id-Dipartiment.

Fl-1998, iddaħħlet struttura ġdida għas-Servizzi tal-Probation, fi ħdan l-istruttura tal-Gvern u għal darb’oħra ġiet inkorporata fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. L-istruttura tinkludi l-gradi ta’ Principal Probation Officer, Senior Probation Officers, Probation Officers u Trainee Probation Officers.

Fl-2002, l-Att dwar il-Probation tal-Ħatjin ġie revedut u ngħata l-isem tal-Att dwar il-Probation. Dan l-Att immarka l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet bħal Ordni ta’ Servizz fil-Komunità u Ordni ta’ Probation u Servizz, filwaqt li fil-fażi ta’ qabel is-sentenza ġiet inkluża għall-ewwel darba l-Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni. L-għan ta’ dan it-tiġdid kien sabiex jissaħħu s-Servizzi tal-Probation f’pajjiżna filwaqt li jitwessgħu s-servizzi offruti. Fl-2012, l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Probation ma baqax jifforma parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minflok sar id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole bl-introduzzjoni tal-Parole u servizzi oħra li joħorġu mill-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, ippubblikata fl-2012 fejn fiċ-ċentru nsibu l-priġunieri u l-vittmi.

Wara dan it-tibdil, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole organizza lilu nnifsu f’taqsimiet differenti, introduċa l-Unità tal-Psikoloġija u l-Unità tal-Vittmi. Bl-istess mod, sabiex ikun iffaċilitat ix-xogħol tad-Dipartiment, ġiet imwaqqfa taqsima tal-Amministrazzjoni. F’Novembru tal-2015, id-Dipartiment mexa ġewwa l-Binja tal-Millennia, il-Marsa, b’aktar spazju għal aktar staff. Barra minn hekk, fl-2015 id-Dipartiment estenda s-servizzi tiegħu permezz ta’ ftuħ ta’ Uffiċċju f’Għawdex sabiex ikunu milħuqa l-klijenti Għawdxin.

Fir-rigward ta’ kuntatti ma’ pajjiżi barranin, id-Dipartiment jifforma parti mill-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probation (entità li tippromwovi sanzjonijiet ibbażati fil-komunità fuq livell Ewropew).

Benefiċjarji u l-Impatt

Id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole huwa ħolqa importanti fis-sistema tal-Ġustizzja Kriminali, li jaħdem b’kollaborazzjoni mal-Ġudikatura, il-Pulizija, aġenziji varji u dipartimenti tal-gvern fost oħrajn. Id-Dipartiment jinkoraġġixxi r-riabilitazzjoni (permezz ta’ bilanċ bejn care u control) filwaqt li l-klijenti jibqgħu jgħixu b’mod stabbli permezz tax-xogħol u jikkontribwixxu għas-soċjetà. Is-Servizzi tal-Probation u l-Parole inaqqsu l-iffullar fil-ħabs u huma kkunsidrati bħala alternattivi ta’ aktar benefiċċju paragun tal-flus li jintefqu. Finalment, sanzjonijiet ibbażati fil-komunità ma jidhrux fil-kondotta, għaldaqstant tgħin lil dak li jkun iżomm l-impjieg tiegħu jew ifittex impjieg ġdid.

L-għażla tal-benefiċjarji għas-servizz ma jiddependix mid-Dipartiment. Hija l-Qorti jew il-Bord tal-Parole li għandhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu min jibbenefika mis-servizzi offruti mid-Dipartiment. Id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jindirizza l-bżonnijiet tal-adulti u tal-minorenni (14-il sena jew akbar). Ħafna mill-Ordnijiet jinvolvu li l-Uffiċjal Sorveljanti, li hu Uffiċjal tal-Probation jirrapporta lill-Qorti jew lill-Bord tal-Parole skont l-andament tal-klijent.

Informazzjoni miġbura mid-Dipartiment turi li l-ħatjin jiġu f’kuntatt mad-dipartiment fuq reati varji. Dawn ir-reati jinkludu pussess tad-droga; offiżi fuq persuna bħal attakk fiżiku u vjolenza domestika; offiżi sesswali, bħal prostituzzjoni u korruzzjoni ta’ minuri; offiżi fuq propjetà li jinkludu dħul illegali, serq u ħsara fi propjetà pubblika jew privata; falsifikazzjoni ta’ dokumenti, ħasil ta’ flus; u reati fuq l-internet. Id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jaħdem kemm ma’ rġiel kif ukoll ma’ nisa, biss sal-lum il-ġurnata l-maġġoranza tan-nies li bbenefikaw mis-servizzi tad-dipartiment huma rġiel. Fil-ħidma tiegħu mal-ħati, l-Uffiċjal tal-Probation jista’ jiġi f’kuntatt mal-familjari, ma’ min iħaddem u l-persuni l-aktar viċin tal-klijent, filwaqt li jagħmel żjarat fid-dar jew f’xi entità fejn ikun qed jgħix.

Is-Servizzi Offruti

Is-servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jinkludu:

Fil-fażi ta’ qabel is-sentenza

  • Ir-Rapport ta’ Qabel is-Sentenza

L-Uffiċjal tal-Probation jipprepara dan ir-rapport għall-Qorti wara li tkun stabbilità l-ħtija u qabel mal-Qorti tagħmel id-deċiżjoni tagħha. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni ħolistika dwar l-individwu, kemm tal-passat kif ukoll is-sitwazzjoni preżenti. Ir-rapport jinkludi wkoll rakkomandazzjoni lill-Qorti dwar liema sentenza tkun l-aktar mistħoqqa u addattata, sew jekk tkunx sentenza ta’ priġunerija effettiva jew sanzjoni fil-komunità. Ir-rakkomandazzjoni tkun imfassla wara li tittieħed konsiderazzjoni dwar ir-reat imwettaq u l-informazzjoni kollha miġbura.

  • Rapport Soċjali

L-Uffiċjal tal-Probation jista’ jħejji dan ir-rapport mitlub mill-Qorti f’kull stadju tal-proċeduri kriminali, qabel ma tkun stabbilita ħtija. Dan ir-rapport huwa simili għar-Rapport ta’ Qabel is-sentenza, biss ma jinkludix ir-rakkomandazzjoni tas-sentenza.

  • Ir-Rapport Verbali

L-Uffiċjal tal-Probation jista’ jħejji dan ir-rapport mitlub mill-Qorti f’kull stadju tal-proċeduri kriminali. Ġeneralment, dan ir-rapport ikun mitlub mill-Qorti meta jkun qed jiġi kkunsidrat li tingħata Ordni ta’ Servizz fil-Komunità. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li tkun evalwata l-idonjetà tal-persuna sabiex twettaq xogħol fil-komunità. Jiġu kkunsidrati fatturi bħal impjieg, ħiliet, saħħa u kundizzjonijiet mediċi, fost oħrajn.

  • Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni

Il-Qorti tista’ matul il-proċeduri kriminali toħroġ Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni sabiex l-individwu li jkun qed jiġi akkużat jibda jiġi segwit minn Uffiċjal tal-Probation. Huwa mistenni mill-Uffiċjal tal-Probation li jinforma lill-Qorti b’mod regolari dwar l-andament tal-individwu. Dan jista’ jsir verbalment jew bil-miktub.

Fil-fażi ta’ wara s-sentenza

  • Ordni ta’ Probation

Ordni ta’ Probation tingħata mill-Qorti għal perjodu minimu ta’ sena u perjodu massimu ta’ 3 snin. Din l-ordni hija sanzjoni fil-komunità li tagħti ċ-ċans lill-individwu jibqa’ jgħix fil-komunità filwaqt li jaħdem fuq ir-riabilitazzjoni tiegħu permezz tal-għajnuna li jingħata. L-għan huwa li tkun protetta s-soċjetà, kif ukoll tnaqqas ir-riskju ta’ reċidiviżmu.

  • Ordni ta’ Servizz fil-Komunità

Il-ħati jkun ordnat iwettaq bejn 40 siegħa u 480 siegħa ta’ xogħol mingħajr ħlas. L-għan prinċipali huwa li l-ikkonċernat ipatti għall-aġir tiegħu filwaqt li jkun qed jagħti kumpens lis-soċjetà inġenerali. In-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ordnati mill-Qorti jridu jsiru fil-ħin liberu ta’ dak li jkun. Dan ix-xogħol fil-komunità jsir fi ħdan għaqdiet non-governattivi, għaqdiet volontarji u kunsilli lokali.

  • Ordni ta’ Probation u Servizz

Din l-ordni tgħaqqad l-Ordni ta’ Probation flimkien mal-Ordni ta’ Servizz fil-Komunità. L-element ta’ Probation jista’ jkun bejn sena u 3 snin, filwaqt li l-element ta’ xogħol ivarja bejn 40 siegħa u 100 siegħa.

  • Ordni ta’ Superviżjoni annessa ma’ Sentenza Sospiża

Din hija sentenza ta’ priġunerija, sospiża għal perjodu minimu ta’ sentejn u perjodu massimu ta’ erba’ snin. Skont l-Artiklu 28G tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti tista’ toħroġ Ordni ta’ Superviżjoni għall-perjodi msemmija. L-Uffiċjal tal-Probation li jkun qed jagħmel is-superviżjoni jiffoka l-aktar fuq l-element ta’ kontroll.

  • Ordni ta’ Trattament

Il-Qorti tista’ toħroġ Ordni ta’ Trattament skont l-Artiklu 412D tal-Kodiċi Kriminali, sabiex tassigura li l-individwu jieħu l-kura meħtieġa. Ordni ta’ Trattament tista’ tinħareġ kemm qabel kif ukoll wara li tingħata s-sentenza. Il-perjodu ta’ din l-ordni jvarja bejn sena u ħames snin. Matul din l-ordni, l-Uffiċjal Sorveljanti jista’ jirreferi lill-persuna għand entitajiet speċjalizzati skont il-kura li jkun hemm bżonn, filwaqt li jivverifika li l-individwu jkun qed isegwi l-pjan ta’ kura.

Servizzi oħra

  • Rapport tal-Parole Qabel ir-Rilaxx

Dan ir-rapport jiġi mħejji minn Uffiċjal tal-Parole wara li ssir applikazzjoni min-naħa ta’ priġunier. F’dan ir-rapport ikun indikat il-livell ta’ riskju lejn il-priġunier innifsu, lejn persuni oħra, kif ukoll jekk jinsabx preparat biex ikompli jiskonta l-kumplament tas-sentenza barra fis-soċjetà, permezz tal-Liċenza tal-Parole. Ir-rapport jinkludi informazzjoni estensiva u ħolistika dwar il-priġunier. Ir-Rapport ta’ Qabel ir-Rilaxx flimkien ma’ rapporti oħra jiġu analizzati mill-Offender Assessment Board u l-Bord tal-Parole li jieħu d-deċiżjoni finali dwar ir-rilaxx.

  • Superviżjoni tal-Liċenzja tal-Parole

F’każ li jkun stabbilit li priġunier ikun addattat li jservi l-kumplament tas-sentenza fil-komunità, tinħareġ il-Liċenzja tal-Parole fejn ikun segwit minn Uffiċjal tal-Parole. Min ikun fuq parole irid isegwi l-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Bord tal-Parole u f’każ li jonqos milli jonora ċertu kundizzjonijiet jerġa’ jmur lura l-ħabs u jkompli jiskonta t-terminu tas-sentenza mingħajr remission.

  • Rapporti tal-Vittmi

Dan ir-rapport isir bħala parti mid-dossier li jingħata lill-Offender Assessment Board u l-Bord tal-Parole wara li priġunier japplika għal-Liċenzja tal-Parole. Din hija opportunità għall-vittmi sabiex isemmgħu leħinhom dwar ir-reat li jkunu sofrew, kif ukoll jagħtu s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward ta’ kundizzjonijiet li għandu jsegwi l-priġunier kemm-il darba jingħata l-Liċenzja tal-Parole.

  • Medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-Reat

Il-medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-Reat tinvolvi proċess fejn il-vittma u l-ħati jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu bejniethom diffikultajiet li nħolqu permezz tar-reat. Il-proċess ikun immexxi minn medjatur, persuna newtrali li jaġixxi fl-interess tas-sigurtà u l-ġid tal-partijiet involuti. L-għan aħħari tal-proċess huwa biex jgħin lill-partijiet isolvu xi konflitt li seta’ nqala’ minħabba fir-reat, kif ukoll jiġu assistiti sabiex jintlaħaq qbil bejniethom.

Każijiet għall-Medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-Reat jistgħu jkunu referuti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bord tal-Parole, il-Bord tar-Remission jew l-Offender Assessment Board. Dawn ikunu referuti lill-Kumitat tal-Medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-Reat, sabiex jassessja l-idonjetà u l-eliġibilità kemm tal-vittma kif ukoll tal-ħati. Jekk ikun stabbilit li l-każ huwa eleġibbli u idoneu għall-medjazzjoni, ikun referut lill-medjatur. Ir-riżultat tal-każ ikun ikkomunikat mal-Kumitat tal-Medjazzjoni bejn il-Vittma u min wettaq ir-Reat sabiex issir ċertifikazzjoni. Kif ukoll, bil-kunsens taż-żewġ partijiet, il-ftehim milħuq jintbagħat lill-awtorità li tkun irreferiet il-każ.

  • Servizzi Psikoloġiċi

Dawn is-servizzi jikkumplimentaw u jassistu lill-Uffiċjali tal-Probation fix-xogħol tagħhom mal-klijenti. Jiġu provduti programmi strutturati f’dawn l-aspetti: Anger Management, Cognitive Skills u Sex Offending. Il-Psikologi jagħmlu wkoll assessjar u sessjonijiet mal-klijenti fuq bażi individwali.

  • Rapporti mħejjija mill-Unità tal-Parole għall-Bord tal-Parole, skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, fejn ikun indikat il-livell ta’ riskju għall-priġunier innifsu u għal ħaddieħor. Barra minn hekk, jekk il-priġunier ikunx preparat li jidħol lura fis-soċjetà fuq Parole u jservi l-kumplament tas-sentenza ta’ priġunerija fil-komunità.
  • Rapporti mħejjija mill-Unità tal-Vittmi għall-Bord tal-Parole dwar il-perspettiva tal-vittma b’relazzjoni mal-applikazzjoni li tkun saret minn priġunier għall-Parole.
  • Superviżjoni tal-Parole minn Uffiċjali tal-Parole fuq min jingħata l-Parole.

Informazzjoni Ġenerali

Kundizzjonijiet meħtieġa biex tilħaq Uffiċjal tal-Probation/Parole jew Trainee Probation/Parole Officer:

Sabiex persuna tilħaq Uffiċjal tal-Probation/Parole jew Trainee Probation/Parole Officer, wieħed irid jilħaq dawn il-kriterji:

  • ikun ċittadin Malti jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ċittadin ta’ xi pajjiż ieħor li hu intitolat għal trattament ugwali bħal ċittadini Maltin jew ċittadini tal-pajjiżi tat-tielet Dinja li ngħataw l-istatus ta’ resident f’Malta għal żmien twil;
  • ikun f’pussess ta’ ċertifikat ta’ kondotta tajba;
  • ikun jitkellem b’mod fluwenti kemm bil-Malti u bl-Ingliż – il-klijenti tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ġejjin minn livelli edukattivi varji, għaldaqstant huwa importanti li l-Uffiċjal tal-Probation ikun jikkomunika biż-żewġ lingwi;
  • ikun f’pussess ta’ Post-Graduate Diploma fis-Servizzi tal-Probation (madanakollu wieħed jista’ japplika jekk ma jkunx għadu kiseb din id-Diploma, għal Trainee Probation Officer bil-kundizzjoni li jtemm id-Diploma meħtieġa fi żmien stipulat, jekk kemm-il darba jkun magħżul);
  • Uffiċjali Pubbliċi fi grad ta’ faxxa partikulari u li ngħataw l-istatus ta’ Officer in Scale.

L-applikazzjonijiet kollha għal din il-pożizzjoni ta’ Uffiċjal tal-Probation jinħarġu mid-Diviżjoni tan-Nies u l-Istandards u rregolati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u r-Regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Għal opportunitajiet ta’ xogħol tista’ tiċċekkja u taċċessa din il-link: https://recruitment.gov.mt/

Ix-xogħol ta’ Uffiċjal tal-Probation/Parole huwa rregolat mil-liġijiet segwenti:

L-Att dwar il-Probation tal-2002 issostitwixxa l-Att dwar il-Probation tal-Ħatjin tal-1957. L-Att tal-2002 ipprovda għas-servizzi ġodda offruti mis-Servizzi tal-Probation li huma l-Ordni ta’ Servizz fil-Komunità, l-Ordni ta’ Probation u Servizz, kif ukoll l-Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni, filwaqt li ddefinixxa aħjar is-servizzi inklużi fl-att tal-1957.

L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kapitlu 516)- https://legislation.mt/eli/cap/516

Is-sena 2011 timmarka l-introduzzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi u t-twaqqif tas-Servizzi tal-Parole u l-Vittmi. B’riżultat ta’ dan, is-Servizzi tal-Probation ma baqgħux jifformaw parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u saru d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole. Fl-2013, is-servizzi msemmija hawn fuq bdew iżidu fis-servizzi offruti.

Il-Kodiċi Kriminali (Kapitlu 9)- https://legislation.mt/eli/cap/9

L-Artikli 28G u l-412D jipprovdu leġislazzjoni għas-Sentenza Sospiża bis-Superviżjoni u Ordni ta’ Trattament rispettivament.

Jum Dinji tal-Probation – 26 ta’ Jannar

F’din il-ġurnata is-Servizzi tal-Probation f’Malta jingħaqdu ma’ diversi pajjiżi sabiex ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Probation. Din l-okkażjoni sservi sabiex jinħoloq għarfien dwar ix-xogħol siewi li jsir mill-Uffiċjali tal-Probation madwar id-dinja.

Ix-xogħol tal-Probation jirrikjedi dedikazzjoni u impenn mill-Uffiċjali tal-Probation għall-ġid tal-komunità. Permezz ta’ sanzjoni fil-komunità, il-Qorti tagħti opportunità lill-ħati sabiex jirriabilita ruħu fil-komunità u fl-istess waqt isir ċittadin li jirrispetta l-liġijiet.

Links Utli Oħra

http://www.cep-probation.org

http://www.probation.homeoffice.gov.uk/

http://www.euforumrj.org/home

FacebookTwitter