L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tinsab ġewwa Triq Valletta Raħal Ġdid. Minbarra l-faċilità korrettiva ġewwa Kordin, din l-Aġenzija tilqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tagħha l-Forensic Unit (Mount Carmel Hospital) u s-Centre of Residential Restorative Services (CoRRS) fl-Imtaħleb. Dan tal-aħħar, li nfetaħ fis-sena 1999, jilqa’ fih residenti sal-età ta’ 21 sena u huwa mgħammar b’36 ċella.

‘Suavis Ex Aspero’, huwa l-motto ta’ din l-Aġenzija li tfisser sod imma ġentili.

L-għanijiet prinċipali tagħha huma li;

  • tinżamm l-ordni, kontroll u dixxiplina f’ambjent sigur waqt li nimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-Qrati tagħna;
  • jkun hemm kundizzjonijiet diċenti għall-bżonnijiet tal-priġunieri;
  • tipprovdi għajnuna professjonali sabiex tgħin lill-prigunieri jindirizzaw imġiba kriminoġenika;
  • tingħata l-għajnuna lill-priġunieri sabiex imorru lura fis-soċjetà bħala ċittadini responsabbli.

Barra li nieħdu ħsieb illi nimplimentaw id-deċiżjonijet tal-Qrati tagħna, ‘il fuq minn 25 professjonist jaħdmu fit-taqsima ta’ Kura, Ri-integrazzjoni u Edukazzjoni. Psikologi, assistenti psikologi, ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-parole u oħrajn jaħdmu ma’ kull priġunier b’mod individwali u bi pjan sabiex ladarba jerġa’ lura fis-soċjetà jgħix ħajja ‘l bogħod mill-kriminalità u b’hekk jitnaqqas iċ-ċans ta’ riċediviżmu.

L-istruttura tal-ħabs ta’ Malta tikkonsisti minn uffiċjali korrettivi kif ukoll impjegati ċivili. F’Lulju tas-sena 2019, il-faċilità korrettiva saret aġenzija u fil-preżent immexxija mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Christopher Siegersma

Il-priġunieri għandhom aċċess regolat fil-ħabs stess għall-knisja jew Moskea, spazju miftuħ għar-rikreazzjoni u attivitajiet sportivi diversi.

Il-ħabs ta’ Malta beda jinbena fis-sena 1842 u ġie iddisinjat minn Sir William L. Arrowsmith. Ġie mibni fuq l-idea Ingliża dik ta’ “panoptical view”. Din l-istruttura ġiet approvata mir-reġina Victoria. B’hekk l-uffiċjal korrettiv jista’ jara u josserva dak kollu li jkun qed jiġri f’erba’ diviżjonijiet f’daqqa minn post ċentrali wieħed.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hija irregolata minn Kapitlu 260 tal-Prisons Act.

FacebookTwitter