Type: Aġenziji

L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali

L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ġiet imwaqqfa fl-2020 bis-saħħa tal-Avviż Legali 332 tal-istess sena. Din l-Aġenzija ħadet post l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li kien twaqqaf lura f’Ġunju tal-2001. Fl-2002 dan l-Uffiċċju kien beda jaħdem bis-sħiħ u jittratta l-applikazzjonijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali kompletament waħdu.

Illum, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali hija marbuta bl-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951, li huma relatati mal-istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967, kif ukoll l-obbligi ta’ pajjiżna skont il-liġijiet tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva Ewropea 2011/95/UE (Direttiva dwar il-Kwalifiki), id-Direttiva Ewropea 2013/32/UE (Direttiva dwar il-proċeduri tal-Azil), u r-Regolament 604/2013 (ir-Regolament ta’ Dublin).

L-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali hija responsabbli biex tirċievi, tipproċessa u tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali f’Malta, hekk kif stipulat fl-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tiegħu 420.07 dwar Standards Proċedurali għall-Għoti u l-Irtirar tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni Internazzjonali. L-Aġenzija hija wkoll responsabbli biex tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata f’Malta skont ir-Regolament ta’ Dublin, u għall-irtirar tal-protezzjoni meta tapplika xi waħda mir-raġunijiet ta’ rtirar stipulati fil-liġi.

L-għan fundamentali tal-Aġenzija huwa li tiżgura proċess ta’ determinazzjoni tal-eliġibbiltà totalment indipendenti, ġust, effiċjenti u rapidu filwaqt li, fl-istess ħin, tiggarantixxi l-aħjar kwalità possibbli fir-rigward tas-smigħ, l-analiżi u d-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali.

Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (2001/55/KE)

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tinsab ġewwa Triq Valletta Raħal Ġdid. Minbarra l-faċilità korrettiva ġewwa Kordin, din l-Aġenzija tilqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tagħha l-Forensic Unit (Mount Carmel Hospital) u s-Centre of Residential Restorative Services (CoRRS) fl-Imtaħleb. Dan tal-aħħar, li nfetaħ fis-sena 1999, jilqa’ fih residenti sal-età ta’ 21 sena u huwa mgħammar b’36 ċella.

‘Suavis Ex Aspero’, huwa l-motto ta’ din l-Aġenzija li tfisser sod imma ġentili.

L-għanijiet prinċipali tagħha huma li;

  • tinżamm l-ordni, kontroll u dixxiplina f’ambjent sigur waqt li nimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-Qrati tagħna;
  • jkun hemm kundizzjonijiet diċenti għall-bżonnijiet tal-priġunieri;
  • tipprovdi għajnuna professjonali sabiex tgħin lill-prigunieri jindirizzaw imġiba kriminoġenika;
  • tingħata l-għajnuna lill-priġunieri sabiex imorru lura fis-soċjetà bħala ċittadini responsabbli.

Barra li nieħdu ħsieb illi nimplimentaw id-deċiżjonijet tal-Qrati tagħna, ‘il fuq minn 25 professjonist jaħdmu fit-taqsima ta’ Kura, Ri-integrazzjoni u Edukazzjoni. Psikologi, assistenti psikologi, ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-parole u oħrajn jaħdmu ma’ kull priġunier b’mod individwali u bi pjan sabiex ladarba jerġa’ lura fis-soċjetà jgħix ħajja ‘l bogħod mill-kriminalità u b’hekk jitnaqqas iċ-ċans ta’ riċediviżmu.

L-istruttura tal-ħabs ta’ Malta tikkonsisti minn uffiċjali korrettivi kif ukoll impjegati ċivili. F’Lulju tas-sena 2019, il-faċilità korrettiva saret aġenzija u fil-preżent immexxija mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Christopher Siegersma

Il-priġunieri għandhom aċċess regolat fil-ħabs stess għall-knisja jew Moskea, spazju miftuħ għar-rikreazzjoni u attivitajiet sportivi diversi.

Il-ħabs ta’ Malta beda jinbena fis-sena 1842 u ġie iddisinjat minn Sir William L. Arrowsmith. Ġie mibni fuq l-idea Ingliża dik ta’ “panoptical view”. Din l-istruttura ġiet approvata mir-reġina Victoria. B’hekk l-uffiċjal korrettiv jista’ jara u josserva dak kollu li jkun qed jiġri f’erba’ diviżjonijiet f’daqqa minn post ċentrali wieħed.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hija irregolata minn Kapitlu 260 tal-Prisons Act.

L-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni

Is-Servizz ta’ Detenzjoni ġie mwaqqaf biex:

  • Jamministra u jieħu ħsieb l-operat taċ-ċentri magħluqa ta’ Detenzjoni.
  • Jipprovdi ambjent dinjituż għal dawk kollha li qed jinżammu f’detenzjoni.
  • Jinżamm ambjent san u sikur.

Persuni li jinsabu f’detenzjoni jinżammu wara li jkunu ngħataw Ordni ta’ Detenzjoni mill-Uffiċjal Ewlieni tal-Immigrazzjoni jew ordni oħra minn awtoritajiet oħra kompetenti. Dan kollu jsir skont il-leġiżlazzjoni ta’ Malta.